Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Awwissu-Settembru 2024

27 ta' Settembru 2024

Operazzjonijiet tas-suq

Linja repo mal-Banca Naţională a României

Fl-1 ta’ Awwissu 2024, il-Kunsill Governattiv approva l-istabbiliment ta’ linja ta’ repo, mogħtija taħt il-qafas tal-faċilità repo tal-Eurosistema (EUREP), bejn il-BĊE u l-Banca Naţională a României sal-31 ta’ Jannar 2025. Il-paġna relevanti tas-sit elettroniku tal-BĊE ġiet aġġornata bix-xieraq.

Proċessi, proċeduri u arranġamenti armonizzati involuti fil-mobilizzazzjoni u fil-ġestjoni tal-kollateral fl-operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema

Fit-13 ta’ Awwissu 2024, il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2024/22 dwar il-ġestjoni ta’ kollateral f’operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema u l-Linja gwida BĊE/2024/23 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2015/510 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2014/60). Iż-żewġ atti legali sejrin jidħlu fis-seħħ mat-tnedija tas-Sistema għall-Ġestjoni tal-Kollateral fl-Eurosistema (ECMS). Il-Linji gwida, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa relatata u dokument ta’ referenza li fih aktar informazzjoni għall-kontrapartijijet tal-Eurosistema dwar il-proċessi, proċeduri u arranġamenti armonizzati involuti fil-mobilizzazzjoni u fil-ġestjoni tal-kollateral f’operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema, huma disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE.

Infrastruttura tas-suq u pagamenti

Linja Gwida Emendatorja dwar ġenerazzjoni ġdida tas-sistema ta’ trasferiment fil-pront awtomatizzat trans-Ewropew għall-pagament gross f'ħin reali (TARGET)

Fit-30 ta’ Lulju 2024, il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2024/20 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2022/912 dwar il-ġenerazzjoni ġdida tas-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET (BĊE/2022/8). L-emendi jirriflettu l-evoluzzjoni tal-politika tal-Eurosistema f’bosta oqsma ta’ relevanza tas-Servizzi TARGET, inkluż bidliet li joriġinaw mid-Deċiżjoni (UE) 2024/1209 dwar ir-remunerazzjoni ta’ ċerti depożiti ta’ politika mhux monetarja miżmuma ma’ banek ċentrali nazzjonali u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2024/11), li timponi kundizzjonijiet addizzjonali approvati fl-2023 mill-Kunsill Governattiv dwar l-użu ta’ prefinanzjament minn sistemi anċillari. Il-Linja Gwida u d-Deċiżjoni sejrin japplikaw mill-1 ta’ Diċembru 2024.

Rapport tal-2024 dwar frodi bil-pagamenti, ippreparat b’mod konġunt mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) u mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

Fil-31 ta’ Lulju 2024, il-Kunsill Governattiv awtorizza l-pubblikazzjoni ta’ rapport konġunt EBA-BĊE dwar frodi bil-pagamenti. Ir-rapport jippreżenta l-ewwel ħarsa komprensiva ta’ data dwar frodi fil-pagamenti miġbura mill-EBA u mill-BĊE fir-rwoli rispettivi tagħhom bħala sorveljant tas-sistemi ta’ pagament, strumenti, skemi u arranġamenti u awtorità superviżorja ta’ fornituri ta’ servizz ta’ pagament, taħt l-oqfsa applikabbli relevanti. L-EBA u l-BĊE se jkomplu jimmonitorjaw l-iżviluppi relatati ma’ frodi bil-pagamenti abbażi ta’ data dwar frodi miġbura u qed jippjanaw li jippubblikaw rapporti simili fuq bażi annwali. Dawn ir-rapporti għandhom l-għan li jissostitwixxu r-rapporti tal-Eurosistema preċedenti dwar frodi b’kards, u jipprovdu perspettiva aktar komprensiva u dettaljata dwar frodi fost strument tal-pagament varji. L-ewwel rapport konġunt tal-EBA-BĊE u stqarrija għall-istampa relatata huma disponibbli fuq is-siti web tal-EBA u tal-BĊE.

Waqfien tal-qafas tal-valutazzjoni tal-utent tal-Eurosistema għal kontropartijiet ċentrali (CCPs)

Fid-19 ta’ Settembru 2024, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li l-istandards għall-użu ta’ CCPs fl-operazzjoni tal-amministrazzjoni tar-riżervi barranin tal-Eurosistema (standards tal-utent tas-CCP) u l-qafas ta’ valutazjzoni relatat sejrin jitwaqqfu. Id-deċiżjoni tqis l-iżviluppi regolatorji, superviżorji u kummerċjali fir-rigward tal-ikklerjar ċentrali li seħħ sa mill-adozzjoni tal-istandards għall-utenti tas-CCP fl-2011, bħall-implimentazzjoni li issa saret globali tal-Prinċipji għall-infrastrutturi tas-swieq finanzjarji CPMI-IOSCO.

Aġġornament dwar l-istatus tas-Sistema tal-Eurosistema għall-Ġestjoni tal-Kollateral (ECMS)

Fid-19 ta’ Lulju 2024, il-Kunsill Governattiv ħa nota ta’ aġġornament dwar l-istatus tal-proġett ECMS. Dan l-aġġornament segwa d-deċiżjoni tal-Kunsill Govenattiv ta’ Novembru 2023 li tiskeda mill-ġdid it-tnedija tal-proġett tal-ECMS tat-18 ta’ Novembru 2024 u t-talba tal-Kunsill Governattiv li jinżamm informat regolarment dwar l-istatus tal-proġett. L-aġġornament issuġġerixxa li baqa’ xi sfidi għal kunsinna tal-proġett fil-ħin. Fil-25 ta’ Settembru 2024, abbażi ta’ informazzjoni aġġornata ulterjorment li tikkonferma li kien hemm bżonn ta’ iżjed żmien għall-utenti biex itemmu l-ittestjar tagħhom f’ambjent stabbli, u wara rakkomandazzjoni mill-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq, il-Kunsill Governattiv approva skedar mill-ġdid ulterjuri, u mmira li l-ECMS tmur live f’data fl-ewwel nofs tal-2025. Informazzjoni aktar dettaljata tista’ tinstab minn fuq il-websajt tal-BĊE.

Parir dwar il-leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar liġi kostituzzjonali dwar il-flus kontanti bħala valuta legali u aċċess għall-flus kontanti

Fl-24 ta’ Lulju 2024, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2024/26 wara talba mill-Assemblea Nazzjonali Slovena.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-modernizzazzjoni tal-liġijiet dwar is-sanzjonijiet internazzjonali

Fis-26 ta’ Awwissu 2024, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2024/27 fuq talba mill-Ministru tal-Finanzi Olandiż.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-mandat tal-membri tal-Bord tal-Gvernaturi ta’ Danmarks Nationalbank, il-kompetenzi ta’ sorveljanza u ta’ operazzjoni fir-rigward tas-sistemi ta’ pagament, u d-dritt ta’ depożitu f’kontijiet kummerċjali bażiċi

Fit-30 ta’ Awwissu 2024, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2021/28 fuq talba mill-Awtorità Superviżorja Finanzjarja tad-Danimarka.

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal regolament dwar qafas għall-Aċċess għad-Data Finanzjarja u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010, (UE) Nru 1095/2010 u (UE) 2022/2554

Fit-30 ta’ Awwissu 2024, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2024/21 imħejjija fuq inizjattiva proprja tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar iż-żieda tal-kwota tar-Rumanija fil-Fond Monetarju Internazzjonali

Fil-5 ta’ Settembru 2024, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2024/30 wara talba tal-Banca Naţională a României.

Opinjoni tal-BĊE dwar in-nomina ta’ Banco de Portugal bħala awtorità ta’ riżoluzzjoni għall-kontropartijiet ċentrali

Fit-13 ta’ Settembru 2024, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2024/31 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Portugall.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-finanzjament ta’ Sveriges riksbank

Fis-16 ta’ Settembru 2024, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2024/32 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi tal-Iżvezja.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-rapportar tal-istatistika tal-pagamenti lil Sveriges Riksbank

Fl-24 ta’ Settembru 2024, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/20124/33 wara talba minn Sveriges Riksbank.

Governanza korporattiva

Ħatra ta’ President tal-Kumitat tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni (ITC)

Fil-25 ta’ Lulju 2024, il-Kunsill Governattiv ħatar lil Alain Busac, id-Direttur Ġenerali tas-Sistemi ta’ Informazzjoni tal-BĊE, bħala l-President tal-ITC, b'effett immedjat u sal-31 ta’ Diċembru 2025, sabiex il-mandat tiegħu jintemm fl-istess żmien tal-Presidenti l-oħrajn kollha tal-kumitati tas-SEBĊ/Eurosistema maħtura jew maħtura mill-ġdid f’Diċembru 2022. Il-ħatra tas-Sur Busac bħala Direttur Ġenerali tas-Sistemi tal-Informazzjoni ġiet ikkomunikata fis-7 ta’ Mejju 2024 fi stqarrija għall-istampa disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-BĊE.

Ħatra tal-President tal-Forum dwar it-Tibdil fil-Klima tal-Eurosistema (CCF)

Fil-25 ta’ Lulju 2024, il-Kunsill Governattiv ħatar lis-Sinj. Theodora Antonakaki, Direttur taċ-Ċentru dwar it-Tibdil fil-Klima u s-Sostenibbiltà tal-Bank tal-Greċja, bħala l-President tal-Forum tal-Eurosistema dwar it-Tibdil fil-Klima mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2026. Is-Sinj. Antonakaki sejra tissostitwixxi lis-Sinj. Irene Heemskerk, l-ewwel President tas-CCF mill-istabbiliment tiegħu mill-Kunsill Governattiv f’Lulju 2022. B’differenza mill-kumitati tal-Eurosistema/SEBĊ, li l-Presidenti tagħhom huma maħturin għal ċikli ta’ 3 snin, President ġdid għas-CCF jinħatar kull sentejn.

Ħatriet għall-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami (ABoR)

Fis-26 ta’ Awwissu 2024, ill-Kunsill Governattiv, filwaqt li qies l-opinjoni tal-Bord Superviżorju, ħatar lis-Sur Édouard Fernandez-Bollo, lis-Sur Ilias Plaskovitis u lis-Sinj. Verica Trstenjak bħala membri tal-ABoR għal mandat ta’ ħames snin. Is-Sur Plaskovitis u s-Sinj. Trstenjak assumew il-mandati tagħhom fit-8 ta’ Settembru 2024, filwaqt li l-mandat tas-Sur Fernandez-Bollo se jibda fl-1 ta’ Ottubru 2024. Aktar informazzjoni dettaljata dwar l-ABoR hija disponibbli fuq din il-paġna tas-sit elettroniku tas-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE.

Karti tal-flus u muniti

Emenda għad-Deċiżjoni tal-BĊE dwar il-volum tal-ħruġ ta’ muniti fl-2024

Fid-19 ta’ Settembru 2024, il-Kunsill Governattiv adotta Deċiżjoni BĊE/2024/25 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2023/2684 dwar l-approvazzjoni tal-volum tal-ħruġ ta’ muniti fl-2024 (BĊE/2023/28). Id-Deċiżjoni emendatorja, li tipprovdi għal żidiet fil-volum tal-munita għall-kollezzjonisti tal-euro li Malta tista’ toħroġ fl-2024, hija disponibbli fuq EUR-Lex.

Superviżjoni Bankarja tal-BĊE

Konsultazzjoni pubblika fuq il-Gwida tal-BĊE dwar il-governanza u kultura ta’ riskju

Fit-22 ta’ Lulju 2024, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju biex titnieda konsultazzjoni pubblika fuq l-abbozz ġdid ta’ Gwida tal-BĊE dwar il-governanza u kultura ta’ riskju. Il-materjal relatat ma’ din il-konsultazzjoni, li se tibqa’ għaddejja sas-16 ta’ Ottubru 2023, huwa disponibbli fuq is-sit web tas-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE.

Rapport dwar is-sovrapożizzjonijiet tal-IFRS 9 u titjib għall-mudell għal riskji ġodda

Fid-29 ta’ Lulju 2024, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju li jiġi ppubblikat rapport, approvat mill-Bord Superviżorju, dwar is-sovrapożizzjonijiet tal-IFRS 9 u t-titjib tal-mudell għal riskji ġodda. Ir-rapport huwa disponibbli fis-sit tas-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE.

Il-konformità tal-BĊE mal-Linji gwida tal-EBA dwar is-sottomissjoni mill-ġdid ta’ data storika skont il-qafas ta’ rapportar tal-EBA

Fid-9 ta’ Settembru 2024, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jinnotifika lill-EBA li, għall-istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, il-BĊE diġà jikkonforma mal-Linji Gwida tal-EBA dwar is-sottomissjoni mill-ġdid ta’ data storika skont il-qafas ta’ rapportar tal-EBA (EBA/GL/2024/04).

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja