Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Il-BĊE jirrapporta dwar il-progress tal-Bulgarija lejn l-adozzjoni tal-euro

4 ta' Ġunju 2025

  • Ir-rapport tal-BĊE jevalwa l-progress tal-Bulgarija lejn l-Unjoni Ekonomika u Monetarja
  • Evalwazzjoni pożittiva fir-rigward tal-adozzjoni possibbli tal-euro fl-1 ta’ Jannar 2026

Il-Bulgarija għamlet progress tajjeb lejn il-konverġenza ekonomika maż-żona tal-euro sa mill-2024, skont ir-Rapport dwar il-Konverġenza tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ippubblikat illum.

“Din l-evalwazzjoni pożittiva tal-konverġenza twitti t-triq għall-Bulgarija biex tintroduċi l-euro sa mill-1 ta’ Jannar 2026 u ssir il-21 Stat Membru tal-UE fiż-żona tal-euro,” qal Philip R. Lane, Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE. "Nixtieq nifraħ lill-Bulgarija għad-dedikazzjoni tremenda tagħha biex tagħmel l-aġġustamenti meħtieġa.”

Skont l-evalwazzjoni tal-BĊE, il-Bulgarija tinsab fi ħdan il-valuri ta’ referenza tal-kriterji ta’ konverġenza u tikkonforma mar-rekwiżiti legali. Wara li pparteċipat fil-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju (ERM II) u l-unjoni bankarja sa mill-10 ta’ Lulju 2020, l-Bulgarija għamlet pass ieħor lejn l-integrazzjoni Ewropea f’kundizzjonijiet ekonomiċi ta’ sfida. Il-kisba ta’ ambjent li jwassal għal konverġenza sostenibbli fil-Bulgarija teħtieġ politiki ekonomiċi orjentati lejn l-istabbiltà u riformi strutturali fuq medda wiesgħa. Dawn il-politiki huma diskussi f’aktar dettall fir-rapport.

Fir-rigward tal-kriterju tal-istabbiltà tal- prezzijiet, f’April 2025, ir-rata medja ta’ 12-il xahar tal-inflazzjoni HICP fil-Bulgarija kienet ta’ 2.7%, jiġifieri kemxejn taħt il-valur ta’ referenza ta’ 2.8% (Ċart 1). Il-valur ta’ referenza huwa bbażat fuq it-tliet Stati Membri bl-aqwa prestazzjoni f’dak li jirrigwarda l-istabbiltà tal-prezzijiet, jiġifieri l-Irlanda (1.2 %), il-Finlandja (1.3 %) u l-Italja (1.4 %), fejn ittieħdet l-inflazzjoni medja tagħhom matul dawn l-aħħar 12-il xahar u b’żieda ta’ 1.5 punt perċentwali.

Ċart 1

Inflazzjoni tal-HICP u valur ta’ referenza

(bidliet fil-perċentwali annwali)

Sorsi: Il-Kummissjoni Ewropea (Eurostat) u kalkoli tal-BĊE.
Noti: Medja mobbli ta’ 12-il xahar ittondjata ta’ punt deċimali wieħed.

Fir-rigward tal-kriterju fiskali, il-Bulgarija a kinitx soġġetta għal proċedura ta' defiċit eċċessiv sa mill-2012. Id-defiċit tal-baġit tal-gvern ġenerali kien ta’ 3.0% tal-PDG fl-2024, jiġifieri fil-livell tal-valur ta’ referenza ta’ 3% (Ċart 2). Il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tagħha kien ta’ 24.1%, jiġifieri ferm inqas mill-valur ta’ referenza ta’ 60%, u ilu ferm inqas minn 60% tal-PDG għall-aħħar 20 sena.

Ċart 2

Bilanċ u dejn tal-gvern ġenerali

(bħala perċentwali tal-PGD)

Sorsi: Is-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u l-Kummissjoni Ewropea (Eurostat).

Fir-rigward tal-kriterju tar-rata tal-kambju, il-lev Bulgaru pparteċipa fl-ERM II fil-perjodu ta’ referenza ta’ sentejn mill-20 ta’ Mejju 2023 sad-19 ta’ Mejju 2025. Matul il-perjodu ta’ referenza, il-lev ma wera l-ebda devjazzjoni mir-rata ċentrali ta’ 1.95583 lev għal kull euro. Il-Bulgarija wettqet kważi l-impenji tagħha kollha ta’ wara d-dħul fl-ERM II, iżda huwa meħtieġ aktar progress biex jiġu indirizzati nuqqasjiet pendenti fil-qasam ta’ kontra l-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu.

Ir-rati tal-imgħax fit-tul fil-Bulgarija kienu ta’ 3.9%, bħala medja, matul il-perjodu ta’ referenza minn Mejju 2024 sa April 2025, u għalhekk kienu taħt il-valur ta’ referenza ta’ 5.1% għall-kriterju tal-konverġenza tar-rata tal-imgħax.

F’dak li jirrigwarda l-kumpatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-liġi Bulgara hija kumpatibbli mat-Trattati u mal-Istatut tas-SEBĊ, kif meħtieġ taħt l-Artikolu 131 tat-Trattat.

  • Ir-rapport tallum ġie ppubblikat fuq talba mill-Bulgarija. Ir-Rapport dwar il-Konverġenza regolari li jmiss tal-BĊE se jiġi ppubblikat fl-2026.

Għal mistoqsijiet min-naħa tal-media, jekk jogħġobkom ikkuntattjaw lil Benoit Deeg, tel.: +49 172 1683704.

Noti

  • Rapport dwar il-Konverġenza tal-Kummissjoni Ewropea, 2025
  • Kooperazzjoni mill-qrib stabbilita bejn il-BĊE u l-Bulgarija
  • Ir-Rapport dwar il-Konverġenza tal-BĊE jirrieżamina l-konverġenza ekonomika u legali ta’ Stati Membri tal-UE b’deroga li mhumiex fiż-żona tal-euro kull sentejn jew fuq talba ta’ pajjiż speċifiku. Dan jivvaluta l-grad ta’ konverġenza ekonomika sostenibbli maż-żona tal-euro, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali hijiex kompatibbli mal-qafas legali tal-UE u jekk ir-rekwiżiti statutorji humiex issodisfati għall-banek ċentrali nazzjonali rispettivi. Minħabba l-klawsola tagħha ta’ “nonparteċipazzjoni”, id-Danimarka mhijiex koperta minn din l-evalwazzjoni ħlief jekk din tintalab speċifikament mill-pajjiż.
  • Id-data tal-għeluq għall-istatistika inkluża f’dan ir-Rapport dwar il-Konverġenza kienet id-19 ta’ Mejju 2025. Il-perjodu ta’ referenza kemm għall-kriterju tal-istabbiltà tal-prezzijiet kif ukoll għall-kriterju tar-rati tal-imgħax fuq perjodu ta’ żmien twil huwa minn Mejju 2024 sa April 2025. It-tbassir huwa bbażat fuq it-Tbassir Ekonomiku tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni Ewropea u fuq informazzjoni oħra relevanti għall-evalwazzjoni li tħares ’il quddiem tas-sostenibbiltà tal-konverġenza.
KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja