Għaliex il-BĊE jagħmel riċerka?
28 ta' Settembru 2016
Il-BĊE, bħal banek ċentrali kbar oħra, jagħmel riċerka għal żewġ raġunijiet ewlenin. Ibda biex, l-analiżi bir-reqqa tifforma l-bażi tad-deċiżjonijiet li nieħdu fl-oqsma kollha tal-politika – politika monetarja jew stabbiltà finanzjarja, superviżjoni bankarja u politika makroprudenzjali.
It-tieni, meta jippubblikaw l-istudji tagħhom, ir-riċerkaturi tagħna jikkomunikaw mal-komunità akkademika u jqanqlu diskussjoni u dibattitu fuq suġġetti rilevanti għall-BĊE. Dan kollu jsib ruħu fir-riċerka li ssir mill-esperti tagħna, u jkompli jsaħħaħ il-pedamenti li fuqhom jistrieħu d-deċiżjonijiet li jieħu l-BĊE fil-ġejjieni.
L-importanza ta’ dan kollu kulma tmur qiegħda tikber billi kwistjonijiet ġodda u kumplessi jeħtieġu studju analitiku solidu. L-effikaċja ta’ miżuri straordinarji u kif il-politika monetarja tinteraġixxi mal-politika fiskali u dik strutturali huma kwistjonijiet relattivament ġodda li juru kemm żdied il-valur ta’ riċerka tajba.
X’inhi r-relazzjoni bejn ir-riċerka u t-tfassil tal-politika?
Id-deċiżjonijiet tal-BĊE li jkollhom x’jaqsmu mal-politika monetarja dejjem jagħmlu ħoss. Ir-riċerka tipprovdi l-analiżi u l-għodod li wieħed jeħtieġ biex jasal għal ċerti deċiżjonijiet. Iżda wieħed irid joqgħod attent li ma jqisx kwalunkwe biċċa riċerka individwali bħala gwida għall-politika futura ta’ bank ċentrali. Min-natura tagħha, ir-riċerka xi drabi tista’ tesplora u tipproponi modi u manjieri mhux tas-soltu li jkunu tajbin biex iqanqlu dibattitu iżda li qatt ma jiġu riflessi f’deċiżjonijiet li attwalment ifasslu l-politika.
Ir-riċerkaturi tagħna jipprovdu t-tagħrif meħtieġ lill-Kunsill Governattiv biex dan jagħmel xogħlu b’mod effikaċi kemm jista’ jkun. Fi kliem ieħor, aqwa ma tkun ir-riċerka, aqwa jkunu d-deċiżjonijiet tal-BĊE u aqwa tkun il-kapaċità tiegħu li jaġixxi b’mod effettiv sabiex iżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet. Għalhekk, riċerka tajba b’bażi kunċettwali u empirika soda hija importanti ferm għax tipprovdi lill-BĊE bl-għodod li jeħtieġ biex imexxi l-politika monetarja unika tiegħu għall-popli tal-pajjiż taż-żona tal-euro.
Il-BĊE ilu fuq quddiem fl-iżvilupp ta’ tipi ġodda ta’ mudelli ekonometriċi li jippermettulna nagħmlu tbassir ekonomiku u nanalizzaw il-konsegwenzi ta’ każijiet li jitolbu tfassil ta’ politika differenti. Dawn il-mudelli wara ġew adottati mill-banek ċentrali l-kbar kollha.
Minn meta faqqgħet il-kriżi finanzjarja, sar iżjed importanti li r-riċerka tagħti sehemha biex jinstabu soluzzjonijiet ġodda għal sfidi ġodda. Eżempju wieħed huwa l-mod kif ir-riċerka fuq ir-rati tal-imgħax baxxi ħolqot l-għodda tal-politika monetarja magħrufa bħala “gwida bil-quddiem” (forward guidance) li biha bank ċentrali jipprova jinfluwenza l-imġiba tal-individwi u n-negozji billi jgħidilhom x’jistennew mir-rati tal-imgħax. Il-banek ċentrali l-kbar kollha jinqdew bl-għodda tal-gwida bil-quddiem.
Segwi r-riċerka tagħna fuq Twitter
Interessat/a f'għarfien, analiżi u aħbarijiet oħra minn riċerkaturi madwar il-Bank Ċentrali Ewropew? Segwi l-kont Twitter immexxi mill-persunal tagħna.
Għaliex l-istudji tagħna jkollhom ċaħda ta’ responsabbiltà?
Sehem il-BĊE jistrieħ fuq il-kompetenza tal-esperti tiegħu. Niddependu mir-riċerkaturi tagħna għall-istħarriġ ta’ metodoloġiji ġodda u innovattivi, speċjalment fl-ambjent ekonomiku attwali, u li dan jagħmluh bil-libertà kollha. Għalhekk ir-riċerka li ssir fil-BĊE tiġi pubblikata bl-isem ta’ min jagħmilha, billi mhux bilfors tkun tirrappreżenta l-fehmiet jew l-opinjonijiet tal-BĊE bħala istituzzjoni jew tal-Kunsill Governattiv. Mhux dejjem tkun tirrifletti r-riċerka kollha li titqies u tidħol fid-deċiżjonijiet, billi xi riċerka ekonomika tibqa’ interna fil-BĊE, filwaqt li min ifassal il-politika żgur li jdaħħal ukoll l-analiżi u l-kompetenza tiegħu.
Kif niddeċiedu fuq is-suġġetti tar-riċerka?
Billi r-riċerka tidħol fid-deċiżjonijiet tal-politika tal-BĊE, is-suġġetti jkunu marbutin mill-qrib mal-iżviluppi ekonomiċi attwali. B’dan il-mod, ir-riċerkaturi tagħna jipprovdu riżultati li jgħinu lill-BĊE janalizza l-ambjent ekonomiku u jiżviluppa r-reazzjonijiet xierqa fil-politika tiegħu. Ngħidu aħna, jinvestigaw għaliex u kif il-kriżi finanzjarja fixklet it-trażmissjoni tal-politika monetarja tagħna.
Barra minn kwistjonijiet attwali bħal dawn, ir-riċerkaturi tagħna jmorru pass lura wkoll u jeżaminaw mistoqsijiet iżjed fundamentali. X’rabta hemm bejn il-politika monetarja u l-politika makroprudenzjali? Is-swieq finanzjarji, l-individwi u l-kumpaniji, kif jiffurmaw l-aspettattivi tagħhom fuq l-azzjonijiet tal-politika monetarja u l-inflazzjoni għall-ġejjieni? Għaliex it-tkabbir ekonomiku globali huwa baxx u kemm se jdum hekk? It-tweġibiet għal mistoqsijiet teoretiċi bħal dawn jgħinuna nifhmu aħjar il-kawża u l-effett tal-interazzjonijiet ekonomiċi u nieħdu l-aħjar deċiżjonijiet biex inwettqu l-mandat tagħna.
L-inizjattiva għal riċerka ġdida tiġi kemm mill-maniġers li jfittxu t-tweġibiet kif ukoll mill-membri tal-istaff infushom.
Il-prodotti tar-riċerka tagħna
Il-prodotti kollha tar-riċerka tagħna għandhom bord editorjali li jiżgura li r-riċerka tkun ta’ kwalità tajba ħafna. Il-membri tal-istaff jibagħtu d-dokumenti tagħhom u dawk l-istudji li jilħqu l-istandard mitlub jiġu pubblikati.
Bullettin ta’ Riċerka | Pubblikazzjoni ta’ kull xahar maħsuba għal udjenza ġenerali. Ikun fiha għażla ta’ studji reċenti minn ekonomisti tal-BĊE fuq suġġetti rilevanti għal-linji tal-politika. |
Working Paper Series | Din is-sensiela tippubblika riċerka ekonomika rilevanti għall-kompiti u l-funzjonijiet differenti tal-BĊE u tipprovdi bażi kunċettwali u empirika għat-tfassil tal-politika. L-istudji huma miftuħin u maħsubin għall-esperti, u min jaqrahom irid ikun imħarreġ sew fl-ekonomija. Id-dokumenti ta’ diskussjoni huma differenti mill-istudji standard billi jkunu maħsubin għal udjenza iżjed wiesgħa u joffru perspettiva iżjed bilanċjata. Filwaqt li jkunu msejsin parzjalment fuq riċerka oriġinali, l-analiżi tagħhom tkun fil-kuntest iżjed wiesa’ tal-letteratura fuq is-suġġett u jqisu wkoll espliċitament il-perspettiva tal-linja tal-politika. |
Occasional Paper Series | Sensiela ta’ studji fuq suġġetti li jkollhom x’jaqsmu mal-kompiti u l-funzjonijiet ewlenin tal-BĊE u s-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali. Id-dokumenti huma maħsubin għal udjenza wiesgħa għalkemm min jaqrahom għandu jkun midħla tas-suġġett. |
Legal Working Paper Series | Sensiela li tħaddan riċerka u prinċipji legali fuq kwistjonijiet rilevanti għall-kompiti u l-funzjonijiet tal-BĊE u s-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali. Id-dokumenti huma miftuħin u maħsubin għall-esperti, għalhekk min jaqrahom għandu jkun midħla tal-qasam legali. |
Statistics Paper Series (Sensiela dokumenti dwar l-istatistika ) | Din is-sensiela hija mezz biex studjużi tal-istatistika, ekonomisti u professjonisti oħra jippubblikaw xogħol innovattiv fil-qasam tal-istatistika u metodoloġiji relatati li jkunu ta’ interess għall-banek ċentrali. |