Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) adotta opinjoni dwar rakkomandazzjoni mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar il-ħatra ta’ membru ġdid tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE.
Il-Kunsill Governattiv ma kellu l-ebda oġġezzjoni għall-kandidat propost, Sabine Lautenschläger, li hija persuna ta’ awtorità u ta’ esperjenza professjonali rikonoxxuta f’affarijiet monetarji jew bankarji, kif meħtieġ mill-Artikolu 283(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Wara l-opinjoni tal-Kunsill Governattiv u l-opinjoni tal-Parlament Ewropew, id-deċiżjoni dwar il-ħatra għandha tittieħed mill-Kunsill Ewropew, bil-voti tal-membri tiegħu li huma fiż-żona tal-euro.
L-opinjoni tal-BĊE, li ser tiġi ppubblikata dalwaqt fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, tinsab fil-websajt tal-BĊE bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE.