Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Il-BĊE u s-sħab tiegħu jiffirmaw memorandum ta’ qbil dwar il-karta l-ġdida tal-€20

23 ta' Lulju 2015
  • Il-memorandum ta’ qbil għandu l-għan jiżgura li l-magni u l-apparat fiż-żona tal-euro kollha jkunu lesti għall-karta l-ġdida tal-€20 fil-25 ta’ Novembru 2015
  • L-imseħbin fil-programm se jagħtu tagħrif lin-netwerks tagħhom dwar il-karta l-ġdida tal-€20
  • Il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema se jkomplu jipprovdu assistenza lill-imseħbin biex jadattaw u jittestjaw l-apparat tagħhom

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) illum iffirma memorandum ta’ qbil mal-assoċjazzjonijiet tal-industrija Ewropea, il-manifatturi ta’ apparat li jipproċessa l-karti tal-flus u mseħbin oħra fil-programm. Il-memorandum isaħħaħ il-Programm ta’ Sħubija tal-BĊE, li għen mhux ftit biex il-karta l-ġdida tal-€10 daħlet bla xkiel fl-2014.

Il-firmatarji tal-memorandum jaqblu li jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jiżguraw li l-apparat li jipproċessa l-karti tal-flus, il-magni tal-bejgħ u tal-biljetti kif ukoll tagħmir ieħor ta’ verifika jkunu lesti għall-karta l-ġdida tal-€20 sal-25 ta’ Novembru 2015, il-jum meta l-karti l-ġodda jidħlu fiċ-ċirkolazzjoni. Il-manifatturi tal-apparat li jipproċessa l-karti tal-flus jimpenjaw ruħhom ukoll li jipprovdu mill-aktar fis lill-klijenti tagħhom bl-aġġornamenti meħtieġa għas-softwer u l-ħardwer, sabiex ikun hemm żmien biżżejjed biex jaġġornaw il-magni u l-apparat tagħhom.

Yves Mersch, Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE, qal: “Il-BĊE, il-banek ċentrali nazzjonali u sħabna fl-industrija lkoll għandhom sehem fit-tħejjija għall-introduzzjoni tal-karti tal-flus il-ġodda. Il-memorandum li ffirmajna flimkien illum jenfasizza l-impenn u r-responsabbiltà komuni tagħna biex niżguraw li ċ-ċittadini fiż-żona tal-euro kollha jkunu jistgħu jużaw il-karti l-ġodda tal-€20 bla xkiel kullimkien mill-25 ta’ Novembru.”

Sabiex jgħinu lill-parteċipanti fil-Programm ta’ Sħubija jħejju għall-introduzzjoni tal-karta l-ġdida tal-€20, il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema ħarġu materjal b’tagħrif filwaqt li l-karti tal-flus il-ġodda setgħu jiġu ttestjati għall-adattament sa minn Frar 2015. Bħalissa, l-imseħbin fil-programm jgħoddu 450 fl-Ewropa kollha. Il-programm jipprovdi għajnuna lill-manifatturi u l-operaturi ta’ apparat li jipproċessa l-karti tal-flus u lil partijiet oħra konċernati fl-industrija tal-produzzjoni tal-karti tal-flus biex dawn jagħtu tagħrif dwar il-karti tal-flus ġodda lill-impjegati u l-klijenti tagħhom u jiżguraw li l-magni jiġu adattati fil-ħin.

Għal mistoqsijiet min-naħa tal-midja, il-persuna ta’ kuntatt hija Rocío González (+49 69 1344 6451).

Noti:

Memorandum ta’ qbil dwar l-adattament tal-apparat tal-karti tal-flus għall-karta l-ġdida tal-€20 ( bl-Ingliż biss )

Il-lista tal-imseħbin fil-programm li ffirmaw il-memorandum ta’ qbil tinsab hawn

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja