Il-falsifikazzjoni tal-karti tal-euro tibqa’ baxxa fit-tieni nofs tal-2016
- 353,000 karta tal-euro falza tneħħew miċ-ċirkolazzjoni fit-tieni nofs tal-2016
- Madwar 80% tal-karti tal-flus foloz kienu tal-€20 u l-€50
- Il-karti kollha tal-euro jistgħu jiġu ċċekkjati bil-metodu “ħoss, ħares u mejjel”
- Il-karti tal-euro jibqgħu mezz ta’ ħlas fdat u sigur
Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) illum ħabbar li madwar 353,000 karta tal-euro falza tneħħew miċ-ċirkolazzjoni fit-tieni nofs tal-2016, żieda żgħira mqabbla mal-ewwel nofs tal-2016 u 20.7% inqas mit-tieni nofs tal-2015. It-total ta’ karti tal-flus foloz jibqa’ żgħir ħafna meta jitqabbel mal-għadd ta’ karti tal-flus tajbin fiċ-ċirkolazzjoni li kulma jmur qiegħed jiżdied (aktar minn 19-il biljun fit-tieni nofs tal-2016).
Taħt jidhru ċ-ċifri għal kull sitt xhur mit-tieni nofs tal-2013 ’l hawn:
Perjodu | 2013/2 | 2014/1 | 2014/2 | 2015/1 | 2015/2 | 2016/1 | 2016/2 |
Total ta’ karti tal-flus foloz | 353,000 |
331,000 |
507,000 |
454,000 |
445,000 |
331,000 |
353,000 |
Minn kemm ilha li ħarġet l-ewwel sensiela ta’ karti tal-euro, l-Eurosistema – i.e. il-BĊE u d-19-il bank ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro – ħeġġet lill-pubbliku joqgħod attent meta jiġu f’idejh karti tal-flus. Il-karti tal-flus tajbin jintgħarfu faċilment bil-metodu sempliċi “ħoss, ħares u mejjel” imfisser fil-paġni fuq l-euro fis-siti elettroniċi tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema.
L-Eurosistema tikkomunika b’diversi modi biex tgħin lin-nies jagħrfu l-karti tal-flus tajbin minn dawk foloz, u biex tgħin lill-kaxxiera professjonali jaċċertaw ruħhom li l-magni li jipproċessaw il-karti tal-flus ikunu kapaċi jidentifikaw b’mod affidabbli u jneħħu l-karti tal-flus foloz miċ-ċirkolazzjoni.
Jekk tiġi f’idejk karta tal-flus li tqajjem dubji, għandek tqabbilha ma’ waħda li tkun taf li hija tajba. Jekk tikkonferma d-dubji, ikkuntattja lill-pulizija, jew lill-bank ċentrali ta’ pajjiżek jew il-bank tiegħek, skont il-prattika nazzjonali. L-Eurosistema tappoġġa lill-aġenziji li jinfurzaw il-liġi fil-ġlieda tagħhom kontra l-falsifikazzjoni.
L-Eurosistema għandha dmir tissalvagwarda l-integrità tal-karti tal-euro u tkompli ttejjeb it-teknoloġija tal-produzzjoni tal-karti tal-flus. Il-karti tal-flus tas-sensiela Europa huma aktar siguri u jgħinu lill-pubbliku jsaħħaħ il-fiduċja tiegħu fil-munita unika.
Hawn taħt tidher analiżi skont id-denominazzjonijiet tal-karti tal-flus foloz li tneħħew miċ-ċirkolazzjoni fit-tieni nofs tal-2016.
Denominazzjoni | €5 | €10 | €20 | €50 | €100 | €200 | €500 |
Analiżi perċentwali | 0.8% |
3.7% |
37.8% |
42.5% |
9.7% |
0.6% |
4.9% |
F’dan il-perjodu:
- Il-karti tal-€20 u l-€50 baqgħu l-aktar denominazzjonijiet li ġew iffalsifikati. Imqabbel maċ-ċifri rappurtati għall-ewwel nofs tal-2016, il-proporzjon ta’ karti foloz tal-€20 żdied filwaqt li dak tal-karti foloz tal-€50 naqas. Flimkien, kienu jgħoddu 80.3% tat-total ta’ karti tal-flus foloz.
- Il-biċċa l-kbira (93.6%) tal-karti tal-flus foloz instabet fil-pajjiżi taż-żona tal-euro. Madwar 5.4% instabu fi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea li mhumiex fiż-żona tal-euro u 1% instab f’partijiet oħra tad-dinja.
Il-karta l-ġdida tal-€50, bil-karatteristiċi ta’ sigurtà ġodda tagħha, se toħroġ fl-idejn fl-4 ta’ April 2017. Il-manifatturi tal-apparat li jipproċessa l-karti tal-flus u fornituri oħra se jkomplu jsibu l-għajnuna tal-Eurosistema biex jaġġornaw il-magni u t-tagħmir ta’ verifika tagħhom għall-karta l-ġdida. Jekk l-apparat tagħhom jibqa’ ma jaċċettax din il-karta tal-flus, l-operaturi u s-sidien għandhom jikkuntattjaw lill-fornituri jew lill-manifatturi tagħhom mill-aktar fis.
Għal mistoqsijiet min-naħa tal-midja, il-persuna ta’ kuntatt hija Eszter Miltényi-Torstensson (+49 69 1344 8034).
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja