- STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
Deċiżjonijiet tal-politika monetarja
16 ta' Marzu 2023
L-inflazzjoni hija mbassra li se tibqa’ għolja żżejjed u għal żmien twil wisq. Għalhekk, il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jżid it-tliet rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE b'50 punt bażi, f'konformità mad-determinazzjoni tiegħu li jiżgura r-ritorn f'waqtu tal-inflazzjoni għall-mira ta' 2% fuq terminu medju. Il-livell għoli ta’ inċertezza jsaħħaħ l-importanza ta’ approċċ li jiddependi mid-data għad-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv dwar il-politika tar-rati, li se jkunu ddeterminati mill-valutazzjoni tiegħu tal-prospetti tal-inflazzjoni fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li tidħol, id-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja.
Il-Kunsill Governattiv qed jimmonitorja mill-qrib it-tensjonijiet attwali tas-suq u jinsab lest li jirrispondi kif meħtieġ biex jippreserva l-istabbiltà tal-prezzijiet u l-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro. Is-settur bankarju taż-żona tal-euro huwa reżiljenti, b'pożizzjonijiet ta' kapital u likwidità b'saħħithom. Fi kwalunkwe każ, is-sett ta’ għodod tal-politika tal-BĊE huwa mgħammar bis-sħiħ biex jipprovdi appoġġ ta’ likwidità lis-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro jekk ikun meħtieġ u biex jippreżerva t-trażmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja.
Il-projezzjonijiet makroekonomiċi l-ġodda tal-persunal tal-BĊE ġew iffinalizzati kmieni f'Marzu qabel l-emerġenza reċenti tat-tensjonijiet fis-suq finanzjarju. Bħala tali, dawn it-tensjonijiet jimplikaw inċertezza addizzjonali madwar il-valutazzjonijiet tal-linja bażi tal-inflazzjoni u t-tkabbir. Qabel dawn l-aħħar żviluppi, it-triq bażika għall-inflazzjoni ġenerali kienet diġà ġiet irriveduta 'l isfel, prinċipalment minħabba kontribuzzjoni iżgħar mill-prezzijiet tal-enerġija milli kien mistenni qabel. Il-persunal tal-BĊE issa jara inflazzjoni f’medja ta’ 5.3% fl-2023, 2.9% fl-2024 u 2.1% fl-2025. Fl-istess ħin, il-pressjonijiet sottostanti tal-prezzijiet jibqgħu b'saħħithom. L-inflazzjoni minbarra l-enerġija u l-ikel kompliet tiżdied fi Frar u l-persunal tal-BĊE jistennew li din tkun f’medja ta’ 4.6% fl-2023, li hija ogħla milli previst fil-projezzjonijiet ta’ Diċembru. Sussegwentement, huwa mbassar li tinżel għal 2.5% fl-2024 u 2.2% fl-2025, hekk kif il-pressjonijiet 'il fuq minn xokkijiet tal-provvista tal-passat u l-ftuħ mill-ġdid tal-ekonomija jispiċċaw u hekk kif politika monetarja aktar stretta tnaqqas dejjem aktar id-domanda.
Il-projezzjonijiet ta’ bażi għat-tkabbir fl-2023 ġew irriveduti sa medja ta’ 1.0 % bħala riżultat kemm tat-tnaqqis fil-prezzijiet tal-enerġija kif ukoll tar-reżiljenza akbar tal-ekonomija għall-ambjent ta’ sfida internazzjonali. Il-persunal tal-BĊE mbagħad jistenna li t-tkabbir ikompli iktar, għal 1.6%, kemm fl-2024 kif ukoll fl-2025, sostnut minn suq tax-xogħol robust, li jtejjeb il-fiduċja u l-irkupru fid-dħul reali. Fl-istess ħin, iż-żieda fit-tkabbir fl-2024 u l-2025 hija aktar dgħajfa milli kien previst f'Diċembru, minħabba l-issikkar tal-politika monetarja.
Rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE
Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jgħolli t-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b’50 punt bażi. Għaldaqstant, ir-rata tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u r-rati tal-imgħax fuq il-faċilità ta’ self marġinali u l-faċilità ta’ depożitu se jiżdiedu għal 3.50%, 3.75% u 3.00% rispettivament, b’effett mit-22 ta’ Marzu 2023.
Il-programm ta' xiri ta' assi (APP) u l-programm ta’ xiri ta’ emerġenza tal-pandemija (PEPP)
Il-portafoll tal-APP qiegħed jonqos b’ritmu meqjus u prevedibbli, billi l-Eurosistema ma terġax tinvesti l-ħlasijiet prinċipali kollha mit-titoli li jimmaturaw. It-tnaqqis se jammonta għal €15-il biljun fix-xahar bħala medja sa l-aħħar ta’ Ġunju 2023 u r-ritmu sussegwenti tiegħu se jiġi ddeterminat maż-żmien.
Fir-rigward tal-PEPP, il-Kunsill Governattiv fiħsiebu jinvesti mill-ġdid il-ħlasijiet prinċipali mit-titoli li jimmaturaw mixtrija taħt il-PEPP sa mill-anqas l-aħħar tal-2024. Fi kwalunkwe każ, it-tnedija futura tal-portafoll tal-PEPP se tkun amministrata biex tevita interferenza mal-pożizzjoni xierqa tal-politika monetarja.
Il-Kunsill Governattiv ser ikompli japplika flessibbiltà fl-investiment mill-ġdid ta’ tifdijiet li se jkunu dovuti fil-portafoll tal-PEPP, bil-ħsieb li jiġu miġġielda r-riskji għall-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni relatati mal-pandemija tal-politika monetarja.
Operazzjonijiet ta rifinanzjament
Hekk kif il-banek qed iħallsu lura l-ammonti mislufa taħt l-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament fit-tul immirati, il-Kunsill Governattiv se jivvaluta regolarment kif l-operazzjonijiet ta’ self immirat qed jikkontribwixxu għall-pożizzjoni tal-politika monetarja tiegħu.
***
Il-Kunsill Governattiv jinsab lest li jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu fil-mandat tiegħu biex jiżgura li l-inflazzjoni tiġi lura għall-mira tiegħu ta’ 2% fuq terminu medju u sabiex jippreserva l-funzjonament bla xkiel tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. Is-sett ta' għodod tal-politika tal-BĊE huwa mgħammar bis-sħiħ biex jipprovdi appoġġ ta' likwidità lis-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro jekk meħtieġ. Barra minn hekk, l-Istrument għall-Protezzjoni tat-Trażmissjoni huwa disponibbli biex jiġġieled dinamiċi mhux ġustifikati u diżordinati tas-suq li joħolqu theddida serja għat-trażmissjoni tal-politika monetarja fil-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro, u b’hekk jippermetti lill-Kunsill Governattiv iwettaq b’mod aktar effettiv il-mandat tiegħu ta’ stabbiltà tal-prezzijiet.
Il-President tal-BĊE se tagħti l-fehmiet tagħha fuq ir-raġunijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet f’konferenza stampa li tibda fis-14:45 CET illum.
Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja