Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

X'inhi t-Task Force ta' Livell Għoli tal-BĊE dwar is-Simplifikazzjoni?

F’Marzu 2025, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE ħoloq it-Task Force ta’ Livell Għoli dwar is-Simplifikazzjoni biex jiżviluppa proposti għas-simplifikazzjoni tal-qafas regolatorju, superviżorju u ta’ rapportar Ewropew, filwaqt li xorta żamm settur bankarju b’saħħtu fl-Ewropa.

Il-ħolqien tat-task force seħħ fost dibattitu globali kontinwu dwar il-kumplessità tar-regoli finanzjarji u tar-regolamentazzjoni finanzjarja, u l-fokus tagħha kien konsistenti mal-inizjattiva ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-simplifikazzjoni.

Ir-rakkomandazzjonijiet tat-task force ġew approvati mill-Kunsill Governattiv.

X’ipproponiet it-task force?

Il-proposti għal simplifikazzjoni huma deskritti fir-rapport Simplifikazzjoni tal-qafas regolatorju, superviżorju u ta’ rapportar prudenzjali Ewropew li ġie ppubblikat fil-11 ta’ Diċembru 2025.

Ir-rakkomandazzjonijiet ikopru tliet oqsma ewlenin: il-qafas regolatorju, il-qafas superviżorju u l-qafas ta’ rapportar.

Il-proposti jżommu l-livell attwali ta’ reżiljenza tas-settur bankarju Ewropew, iżommu kooperazzjoni internazzjonali billi jikkonformaw mal-istandards globali u jsejħu għal implimentazzjoni sħiħa, fil-ħin u affidabbli tal-istandards ta’ Basel II fil-ġuriżdizzjonijiet kollha. Jiżguraw ukoll li l-oqfsa jibqgħu effettivi fl-issodisfar tal-objettivi prudenzjali, u jkollhom perspettiva Ewropea mmirata lejn it-tħaddin ta’ aktar armonizzazzjoni fost l-Istati Membri. 

Min kien hemm wara t-task force?

It-task force kienet ippreseduta mill-Viċi-President tal-BĊE, Luis de Guindos. Membri oħra huma l-membri tal-Kunsill Governattiv tal-Estonja (Madis Müller), tal-Finlandja (Olli Rehn), ta’ Franza (François Villeroy de Galhau), tal-Ġermanja (Joachim Nagel) u tal-Italja (Fabio Panetta), u l-membru tal-Bord Superviżorju Sharon Donnery.

Xi jmiss?

Il-proposti fir-rapport ġew ippreżentati lill-Kummissjoni Ewropea, li għandha l-intenzjoni li tippubblika rapport fl-2026 dwar is-sitwazzjoni ġenerali tas-sistema bankarja fis-Suq Uniku, inkluż evalwazzjoni tal-kompetitività tas-settur bankarju, kif imħabbar fil-Komunikazzjoni dwar unjoni ta’ tfaddil u investimenti.