Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Mistoqsijiet frekwenti fuq l-istudju dwar l-Impronta Ambjentali tal-Prodott għall-karti tal-flus tal-euro

M1 Abbażi tar-riżultati tal-istudju dwar l-Impronta Ambjentali tal-Prodott, x’inhu l-impatt ambjentali tal-karti tal-flus?

L-istudju dwar l-Impronta Ambjentali tal-Prodott jikkonkludi li l-impatt ambjentali ta’ persuna li tħallas bil-karti tal-flus tal-euro fiż-żona tal-euro matul sena huwa baxx ħafna. Huwa ekwivalenti għall-impatt tas-sewqan ta’ karozza għal 8 km, jew 0.01 % tal-impatt ambjentali totali ta’ ċittadin Ewropew.

M2 Din hija l-ewwel darba li qed tistudjaw l-impatt ambjentali tal-karti tal-flus?

Le. Fl-2004 għamilna Valutazzjoni taċ-Ċiklu tal-Ħajja (LCA) biex inkejlu l-impatt ambjentali tal-ewwel sensiela ta’ karti tal-flus tal-euro. L-LCA huwa qafas rikonoxxut internazzjonalment għall-evalwazzjoni tal-impatt ambjentali ta’ prodott, bħal karta tal-flus. Dan iħares lejn l-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodott, mill-bidu (estrazzjoni tal-materja prima) sat-tmiem (rimi finali). Ir-riżultati tiegħu ntużaw biex jiġu implimentati miżuri biex jitnaqqas l-impatt ambjentali tal-karti tal-flus tal-euro, bħas-sostituzzjoni tal-qoton konvenzjonali b’qoton sostenibbli fil-karti tal-flus.

M3 X’inhi l-metodoloġija tal-Impronta Ambjentali tal-Prodott?

Il-metodoloġija tal-Impronta Ambjentali tal-Prodott (PEF) hija relatata mal-metodu ta’ Valutazzjoni taċ-Ċiklu tal-Ħajja msemmi fit-tweġiba għall-mistoqsija preċedenti. Din ġiet żviluppata mill-Kummissjoni Ewropea biex tevalwa l-impronta ambjentali ta’ prodotti u servizzi simili. Il-metodoloġija tal-PEF tkopri 16-il impatt ambjentali, inkluż it-tibdil fil-klima kkawżat mill-emissjonijiet tal-gassijiet serra, l-użu tal-art u l-użu tal-ilma. Din hija l-ewwel darba li ntużat metodoloġija tal-PEF biex jiġi studjat l-impatt ambjentali tal-karti tal-flus bħala strument ta’ ħlas.

M4 Għaliex għażiltu l-metodoloġija tal-Impronta Ambjentali tal-Prodott?

Ir-riżultati tal-Impronta Ambjentali tal-Prodott (PEF) jagħmluha eħfef biex titqabbel l-impronta ambjentali ta’ tipi differenti ta’ prodotti u servizzi. Il-metodoloġija tal-PEF tipprovdi wkoll gwida, rekwiżiti u dettalji tekniċi ċari dwar kif għandu jiġi vvalutat l-impatt ambjentali tal-karti tal-flus bħala strument ta’ ħlas. Din tipprovdi valutazzjoni ġusta u imparzjali tan-network kumplessa ta’ partijiet ikkonċernati fiċ-ċiklu tal-flus tal-euro, irrispettivament mid-daqs tagħhom, mis-settur industrijali jew mill-pożizzjoni ġeografika tagħhom.

M5 Il-Valutazzjoni taċ-Ċiklu tal-Ħajja u r-riżultati tal-Impronta Ambjentali tal-Prodotti huma komparabbli?

Peress li l-Valutazzjoni taċ-Ċiklu tal-Ħajja tal-2004 u l-istudju attwali dwar l-Impronta Ambjentali tal-Prodotti ma użawx l-istess unità jew metodoloġija funzjonali, mhuwiex possibbli li jsiru paraguni diretti.

M6 X’azzjonijiet se jittieħdu b’riżultat tal-istudju dwar l-Impronta Ambjentali tal-Prodott?

L-għan tal-Eurosistema hu li tnaqqas l-impronta ambjentali tal-flus kontanti. L-istudju dwar l-Impronta Ambjentali tal-Prodott se jkun il-linja bażi għall-istabbiliment ta’ miri ambjentali u biex jittieħdu passi konkreti lejn it-titjib, kif ukoll għar-reviżjoni u l-ikkumplimentar ta’ inizjattivi eżistenti. L-istudju se jintuża wkoll biex jivvaluta kif kwalunkwe tibdil potenzjali fil-karatteristiċi tal-karti tal-flus se jaffettwa l-impronta ambjentali taċ-ċiklu tal-flus kontanti.

M7 Il-karti tal-flus tal-euro huma inqas jew aktar favorevoli għall-ambjent minn mezzi oħra ta’ ħlas?

Din hija l-ewwel darba li l-Eurosistema użat il-metodoloġija tal-Impronta Ambjentali tal-Prodott biex tistudja l-impatt ambjentali tal-karti tal-flus tal-euro. F’dan l-istadju ma nafux kif il-ħlas bil-karti tal-flus jipparaguna ma’ mezzi oħra ta’ ħlas iżda bħalissa qed nistħarrġu l-possibbiltà li nagħmlu studju simili għal modi oħra ta’ ħlas.

M8 L-istudju dwar l-Impronta Ambjentali tal-Prodott fir-rigward tal-karti tal-flus se jerġa’ jsir fil-futur?

L-intenzjoni hi li studji simili jiġu ripetuti mill-Eurosistema fuq bażi perjodika.