Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Muniti kommemorattivi ta’ €2 – 2022

Id-deskrizzjonijiet li jidhru f’din il-paġna ttieħdu minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għalhekk għandhom mnejn ivarjaw xi ftit minn materjal ieħor ippubblikat f’dan is-sit web.

Andorra

Tema: Il-leġġenda ta’ Charlemagne

Deskrizzjoni: Il-leġġenda tirrakkonta li l-Imperatur Charlemagne kien il-fundatur ta’ Andorra fis-sena 805 u li kkonċeda lill-abitanti status legali proprju. Id-disinn tal-munita jirrappreżenta din il-leġġenda msejsa fl-għeruq tal-istorja u l-kultura ta’ Andorra u, fl-isfond, jidher pajsaġġ b’muntanji u xmara, li jirrappreżentaw ix-xenarju għani ta’ pajjiżna, bl-isem tal-pajjiż tal-ħruġ ‘ANDORRA’. Fuq quddiem tad-disinn hemm riproduzzjoni parzjali tar-ritratt magħruf tal-Imperatur Charlemagne, xogħol tal-artist Albrecht Dürer, u s-sena tal-ħruġ ‘2022’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 70 000 munita

Data tal-ħruġ: Ir-raba' trimestru tal-2022

Andorra

Tema: 10 snin mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim Monetarju bejn Andorra u l-Unjoni Ewropea

Deskrizzjoni: Il-forom u d-daqsijiet differenti tal-biċċiet tal-puzzle li jidhru fil-parti t’isfel tad-disinn huma simbolu tal-Prinċipat ta’ Andorra u l-pajjiżi msieħba tal-Unjoni Ewropea. Fil-parti ta’ fuq tad-disinn, l-istilel madwar is-simbolu tal-munita komuni Ewropea jirrappreżentaw il-fatt li kollha huma parti mill-univers tal-euro. Ħdejhom jidhru l-isem tal-pajjiż tal-ħruġ ‘ANDORRA’ u s-snin tal-kommemorazzjoni ‘2012’ u ‘2022’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 70 000 munita

Data tal-ħruġ: Ir-raba' trimestru tal-2022

Litwanja

Tema: Reġjuni Etnografiċi Litwani - Suvalkija

Deskrizzjoni: Fid-disinn hemm Taurus fuq l-istemma araldika, waqt li l-istemma araldika hi mżejna fuq iż-żewġ naħat bi friegħi tal-ballut bil-ġandar. Fin-naħa t’isfel il-friegħi huma marbutin flimkien b’ċoff lewn il-fidda fejn hemm l-iskrizzjoni ‘VIENYBĖ TEŽYDI’ (L-UNITÀ TISTA’ TIFFJORIXXI). Il-friegħi tal-ballut huma simbolu tal-istorja rikka tar-reġjun li tmur lura għaż-żminijiet pagani tal-Istat Litwan. Fl-imgħoddi, Taurus kien l-aktar annimal komuni f’dan ir-reġjun. Madwar il-kompożizzjoni hemm l-iskrizzjoni ‘LIETUVA’ (LITWANJA) u s-sena tal-ħruġ ‘2022’ fin-naħa ta’ fuq, u l-iskrizzjoni ‘SUVALKIJA’ u l-marka taz-zekka Litwana fin-naħa t’isfel. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 500 000 munita

Data tal-ħruġ: Ir-raba’ trimestru tal-2022

Estonja

Tema: L-Ukrajna u l-Ħelsien

Deskrizzjoni: Fid-disinn hemm silwett ta’ mara b’għasfur f’idha, bi żbula tal-qamħ. Fin-naħa ta’ fuq hemm il-kitba ‘SLAVA UKRAINI’. Fin-naħa t’isfel hemm l-isem tal-pajjiż tal-ħruġ ‘EESTI’ u s-sena tal-ħruġ ‘2022’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 2 000 000 munita

Data tal-ħruġ: Ir-raba’ trimestru tal-2022

Finlandja

Tema: Riċerka dwar il-klima fil-Finlandja

Deskrizzjoni: It-tema tal-munita hi likena tad-daqna stilizzata, bl-istruttura tagħha li qisha għerq, intaljata fiċ-ċentru tal-parti interna tal-munita. Fuq il-ġnub esterni tal-parti interna tal-munita hemm il-kliem ‘RIĊERKA DWAR IL-KLIMA’ bil-Finlandiż fuq in-naħa tax-xellug u ‘RIĊERKA DWAR IL-KLIMA’ bl-Isvediż fuq in-naħa tal-lemin. Fin-naħa t’isfel tal-parti interna tal-munita hemm l-ittri ‘2022 FI’. Fin-naħa ta’ fuq tal-parti interna tal-munita hemm il-marka taz-zekka tal-Finlandja. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 400 000 munita

Data tal-ħruġ: Ħarifa 2022

 Malta

Tema: It-22 anniversarju tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà

Deskrizzjoni: Fid-disinn jidhru tliet uċuħ femminili. Fuq ix-xellug, minn fuq għal isfel, hemm l-iskrizzjonijiet

‘NISA’, ‘PAĊI’, ‘SIGURTÀ’, is-sena tal-ħruġ ‘2022’ u l-isem tal-pajjiż tal-ħruġ ‘MALTA’. Fiċ-ċentru, ’l isfel mill-uċuħ, hemm l-iskrizzjonijiet ‘UNSCR’ u ‘1325’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 65 500 munita

Data tal-ħruġ: Ottubru 2022

San Marino

Tema: Il-530 anniversarju tal-mewt ta’ Piero della Francesca

Deskrizzjoni: Fiċ-ċentru hemm il-profil ta’ Federico da Montefeltro, dettall mill-pittura ‘Dittiku tad-Duki ta’ Urbino’ xogħol ta’ Piero della Francesca, li jinsab fil-Gallerie degli Uffizi (Firenze). Fin-naħa tax-xellug, f’għamla ta’ nofs ċirku, hemm l-iskrizzjoni ‘SAN MARINO’. Fin-naħa tal-lemin, f’għamla ta’ nofs ċirku, hemm l-iskrizzjoni ‘PIERO DELLA FRANCESCA’, is-snin 1492 u 2022, l-ittra R, li tidentifika z-Zekka ta’ Ruma, u l-inizjali tad-disinjatur Claudia Momoni, ‘C.M.’ Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 55 000 munita

Data tal-ħruġ: Ottubru 2022

San Marino

Tema: Biċentinarju tal-mewt ta’ Antonio Canova

Deskrizzjoni: L-alla mara Hebe tidher fiċ-ċentru taċ-ċirku intern kif meħuda mix-xogħol ta’ Antonio Canova, li jinsab fil-gallerija tal-Arti tal-Mużew Ċiviku ta’ San Domenico ġewwa Forlì. Madwarha hemm l-iskrizzjonijiet ‘CANOVA’ u ‘SAN MARINO’. Fin-naħa tax-xellug hemm is-sena ‘1822’ u l-inizjali tad-disinjatur Antonio Vecchio, u fuq in-naħa tal-lemin hemm is-sena tal-ħruġ ‘2022’ u l-ittra R, li tidentifika z-Zekka ta’ Ruma. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 55 000 munita

Data tal-ħruġ: Ottubru 2022

Slovakkja

Tema: It-300 anniversarju tal-kostruzzjoni tal-ewwel magna tal-fwar atmosferika tal-Ewropa kontinentali għad-drenaġġ tal-minjieri

Deskrizzjoni: Fid-disinn tidher magna tal-fwar atmosferika għad-drenaġġ tal-ilma mill-minjieri, dik mibnija fil-belt minerarja ta’ Nová Baňa fl-1722 bħala l-ewwel waħda tax-xorta tagħha fl-Ewropa kontinentali. Din kienet iddisinjata u mibnija mill-inġinier Ingliż Isaac Potter, li l-firma faksimili tiegħu hi mnaqqxa mal-ġenb, fuq żewġ rigi, fin-naħa tax-xellug tal-parti t’isfel tad-disinn. Fuq in-naħa tal-lemin tal-magna, miktubin ukoll mal-ġenb, hemm l-isem tal-pajjiż tal-ħruġ ‘SLOVENSKO’ u, fin-naħa tal-lemin tiegħu, is-snin ‘1722’ u ‘2022’ separati permezz ta’ tikka medjali. Fejn ix-xifer tax-xellug tas-sezzjoni interna tal-munita, hemm, fuq xulxin, il-marka taz-zekka ta’ Kremnica (Mincovňa Kremnica), li tikkonsisti mill-ittri ‘MK’ li jinsabu bejn żewġ forom imnaqqxin tal-istampaturi, u l-inizjali stilizzati tad-disinjatur tan-naħa nazzjonali, Peter Valach. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 1 000 000 munita

Data tal-ħruġ: Ottubru 2022

Monako

Tema: Il-100 anniversarju tal-mewt tal-Prinċep Albert I

Deskrizzjoni: Fid-disinn jidher ir-ritratt tal-Prinċep Albert I. Fuq ix-xellug hemm l-isem tal-pajjiż tal-ħruġ ‘’MONACO’ u fuq il-lemin hemm is-sena tal-ħruġ ‘2022’. Fin-naħa t’isfel hemm l-iskrizzjoni “ALBERT Ier” u warajha hemm is-snin ‘1848–1922’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 15 000 munita

Data tal-ħruġ: Settembru 2022

Franza

Tema: Logħob Olimpiku 2024

Deskrizzjoni: Mitt sena wara l-Logħob Olimpiku tal-1924, Franza se terġa’ tilqa’ l-Logħob tas-Sajf, li se jsir f’Pariġi fl-2024, avveniment b’eku internazzjonali li l-intensità tiegħu tiżdied gradwalment tul is-snin li jwasslu għall-avveniment. Fl-okkażjoni taż-żmien li baqa’ sal-bidu tal-Logħob Olimpiku, il-Monnaie de Paris tixtieq tiċċelebra t-triq li twassal għal-Logħob. Għalhekk qed taħseb biex toħroġ kull sena, fl-2022, l-2023 u l-2024, munita kommemorattiva ta’ żewġ euro b’naħa oriġinali li tiċċelebra l-Logħob, permezz tal-wirt kulturali ta’ Franza u ta’ Pariġi. Id-disinn jirrappreżenta l-ġenju, figura nazzjonali u ikona tan-numismatika Franċiża. Dan jidher qed jipprattika t-tfigħ tad-diskus b’mod ‘antik’ b’referenza għal-Logħob Olimpiku tal-era tal-Antikità. Is-silwett tiegħu jingħaqad f’armonija ma’ dak tal-Arc de Triomphe, element ewlieni tal-wirt kuturali Pariġin. Dan jifforma assi komuni ma’ dan il-monument emblematiku tar-rebħa. Fl-isfond, tidher korsa tal-atletika fejn hi rappreżentata l-emblema ta’ Pariġi 2024 fuq in-naħa tal-lemin. Id-data tas-sena, ir-referenza RF u l-marki taz-zekka jidhru taħt l-arkata u madwar il-parti t’isfel tal-Arkata. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 260 000 munita

Data tal-ħruġ: Settembru 2022

Vatikan

Tema: Il-25 anniversarju tal-mewt ta’ Mother Teresa ta’ Calcutta

Deskrizzjoni: Fid-disinn jidher ritratt ta’ Mother Teresa flimkien ma’ tifel żgħir. Fin-naħa ta’ fuq, f’għamla ta’ nofs ċirku, hemm l-iskrizzjoni ‘MADRE TERESA DI CALCUTTA’ u fin-naħa t’isfel hemm l-isem tal-pajjiż tal-ħruġ ‘CITTÀ DEL VATICANO’. Fuq il-lemin tar-ritratt hemm il-marka taz-zekka ‘R’ u ’l isfel minnha hemm is-snin ‘1997’ u ‘2022’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 84 000 munita

Data tal-ħruġ: Settembru 2022

Greċja

Tema: 200 sena mill-ewwel Kostituzzjoni Griega

Deskrizzjoni: Fid-disinn jidher it-tempju ta’ Asclepius f’Epidaurus bl-istatwa tal-alla fiċ-ċentru. It-tema hi replika tan-naħa ta’ wara ta’ midalja kommemorattiva relatata mal-Ewwel Assemblea Nazzjonali tar-rivoluzzjonarji Griegi f'Epidaurus, li ngħatat lill-membri tal-Assemblea matul ir-renju tar-re Otho. Tul ix-xifer intern hemm imnaqqxa l-kliem ‘HELLENIC REPUBLIC’ u ‘THE FIRST GREEK CONSTITUTION’, kif ukoll is-snin ‘1822’ u ‘2022’, palma żgħira (il-marka taz-zekka Griega) u l-monogramm tal-artista (George Stamatopoulos). Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 750 000 munita

Data tal-ħruġ: Lulju 2022

Pajjiżi taż-żona tal-euro

Tema: 35 sena tal-programm Erasmus

Deskrizzjoni: Id-disinn hu taħlita ta’ żewġ elementi ewlenin tal-programm Erasmus: l-ispirazzjoni intellettwali oriġinali, Erasmus innifsu, u l-allegorija tal-influwenza tiegħu fuq l-Ewropa. L-ewwel wieħed hu simbolizzat permezz ta’ wieħed mill-aktar ritratti magħrufa ta’ Erasmus. It-tieni wieħed hu simbolizzat minn raġġi ta’ dawl li jaqsmu l-munita bejn fanal u ieħor, li jirrappreżentaw il-bosta skambji intellettwali u umani bejn l-istudenti Ewropej. Bħala referenza għall-Ewropa, uħud minn dawn ir-raġġi jiffurmaw stilel oħrajn, imwielda mis-sinerġija bejn il-pajjiżi. Iċ-ċifra 35, għall-35 anniversarju toħroġ mill-istilel fi stil grafiku kontemporanju. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Volum tal-ħruġ: ivarja minn pajjiż għal pajjiż

Data tal-ħruġ: 1 ta' Lulju 2022

Litwanja

Tema: 100 sena ta’ baskitbol fil-Litwanja

Deskrizzjoni: Fid-disinn jidher il-kontorn tal-mappa tal-Litwanja rranġat bħala kort tal-baskitbol fiċ-ċentru, li jfisser li fil-Litwanja l-baskitbol diġà ilu jintlagħab għal 100 sena. Fuq il-munita jidhru wkoll l-iskrizzjonijiet ‘LIETUVA’ (Litwanja), ‘1922-2022’ u l-logo taz-zekka Litwana, il-manifattur tagħha, irranġati f’nofs ċirku madwar iċ-ċentru. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 750 000 munita

Data tal-ħruġ: It-tieni trimestru tal-2022

Finlandja

Tema: 100 sena tal-Balè Nazzjonali tal-Finlandja

Deskrizzjoni: Fid-disinn jidhru l-movimenti qawwija u ħielsa ta’ żeffien miksi b'tessut ħafif u fluwidu li jenfasizza s-sbuħija u l-fluwidità tal-poża taż-żeffien. Tidher ukoll is-sena tal-ħruġ ‘2022’ u fin-naħa ta’ fuq hemm l-indikazzjoni tal-pajjiż tal-ħruġ ‘FI’ u l-marka taz-zekka. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 400 000 munita

Data tal-ħruġ: Rebbiegħa 2022

Belġju

Tema: Il-qasam tal-kura tas-saħħa bħala rikonoxximent tal-impenn eċċezzjonali matul il-pandemija tal-Covid-19

Deskrizzjoni: Fil-parti interna tad-disinn tal-munita jidher il-persunal tas-servizzi tas-saħħa. Fuq ix-xellug tidher l-iskrizzjoni ‘Danke – Merci – Dank u’ flimkien ma’ diversi pittogrammi li jirreferu għall-qasam tal-kura tas-saħħa. Minn fuq għal isfel, jidhru salib, stetoskopju, qalb, siringa, siġġu tar-roti u taħlita kimika. Fuq il-lemin estrem hemm l-inizjali tad-disinjatur Luc Luycx. Billi z-zekka Rjali Olandiża se tistampa l-muniti, il-marka taz-zekka ta’ Utrecht, bastun ta’ Merkurju, tinsab fin-naħa t’isfel flimkien mal-marka prinċipali taż-zekka Belġjana, l-istemma araldika tal-muniċipalità Herzele, il-kodiċi tal-pajjiż BE u l-marka tas-sena 2022. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 2 000 000 munita

Data tal-ħruġ: Rebbiegħa 2022

Malta

Tema: UNESCO: L-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni

Deskrizzjoni: Fid-disinn jidher dettall ta’ dan is-sit preistoriku. Fuq ix-xellug fin-naħa ta’ fuq hemm l-isem tal-pajjiż tal-ħruġ ‘MALTA’ u taħt hemm is-sena tal-ħruġ ‘2022’. Fin-naħa t’isfel hemm l-iskrizzjoni ‘ĦAL–SAFLIENI HYPOGEUM’ u taħtha hemm l-iskrizzjoni ‘4 000 – 2 500 BC’. Fuq il-lemin fin-naħa t’isfel hemm l-inizjali tad-disinjatur, Noel Galea Bason ‘NGB’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 192 000 munita

Data tal-ħruġ: Mejju 2022

Latvja

Tema: Iċ-ċentinarju ta’ Latvijas Banka – litteriżmu finanzjarju

Deskrizzjoni: Il-litteriżmu finanzjarju hu l-kapaċità importanti biex wieħed jifhem u juża diversi ħiliet finanzjarji b’mod effettiv, inkluża l-ġestjoni finanzjarja personali, l-ippjanar tal-infiq tal-flus, u l-investiment. Il-litteriżmu finanzjarju hu l-pedament tar-relazzjoni tagħna mal-flus, u hu vjaġġ ta’ tagħlim tul il-ħajja. Fid-disinn tidher siġra, li hi simbolu tal-importanza tal-litteriżmu finanzjarju u l-għarfien dwaru. Fin-naħa t’isfel hemm is-sena tal-ħruġ ‘2022’ u ’l isfel minnha hemm l-isem tal-pajjiż tal-ħruġ ‘LATVIJA’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 415 000 munita

Data tal-ħruġ: April-Mejju 2022

Lussemburgu

Tema: L-10 anniversarju taż-żwieġ tal-Gran Duka Ereditarju Guillaume u l-Gran Dukessa Ereditarja Stéphanie

Deskrizzjoni: Fid-disinn jidhru l-effiġji tal-Gran Duka Ereditarju Guillaume u l-Gran Dukessa Ereditarja Stéphanie. Qrib l-effiġji, hemm l-ismijiet rispettivi f’għamla ta’ nofs ċirku. Fuq ix-xellug tad-data tas-sena 2022 jidhru żewġ ċrieket tat-tieġ. Fin-naħa t’isfel tad-disinn, hemm il-kelma ‘LËTZEBUERG’ li tindika l-pajjiż tal-ħruġ, kif ukoll id-data taż-żwieġ ‘20.Oktober 2012’. Il-monogramm (ittra “H” b’kuruna) hu rappreżentazzjoni tal-Gran Duka Henri. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 500 000 munita

Data tal-ħruġ: April 2022

Estonja

Tema: Il-150 anniversarju tat-twaqqif tas-Soċjetà tal-Literati Estonjani

Deskrizzjoni: Fid-disinn jidhru l-paġni ta’ ktieb u l-ponta ta’ pinna rixa. Fin-naħa ta’ fuq, f’għamla ta’ nofs ċirku hemm l-iskrizzjoni ‘EESTI KIRJAMEESTE SELTS’ u s-sena tal-ħruġ ‘2022’. L-iskrizzjoni fuq il-paġni tal-ktieb tgħid hekk: ‘KUI ME EI SAA SUUREKS RAHVAARVULT, PEAME SAAMA SUUREKS VAIMULT’, li jfisser ‘jekk ma nistgħux inkunu nazzjon kbir fl-għadd, jeħtieġ li nkunu kbar fl-ispirtu’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 1 000 000 munita

Data tal-ħruġ: L-ewwel trimestru tal-2022

Spanja

Tema: Il-5 ċentinarju tal-ewwel tbaħħira madwar id-dinja

Deskrizzjoni: L-ispedizzjoni bdiet f’Sevilja fl-1519 u ntemmet fl-1522 wara t-tmiem tal-ewwel tbaħħira madwar id-dinja. Fid-disinn jidhru żewġ xbihat, waħda hi l-globu fl-isfond u l-oħra hi ritratt ta’ Juan Sebastián Elcano. Fin-naħa t’isfel tar-ritratt hemm il-kitbiet b’ittri kapitali ‘JUAN SEBASTIÁN ELCANO’ u ‘PRIMUS CIRCUMDEDISTI ME’ (L-ewwel wieħed li baħħart madwari), u fuq l-ispalla tar-ritratt hemm id-data tal-bidu u t-tmiem tat-tbaħħira madwar id-dinja (1519-1522). Fuq in-naħa tal-lemin u b’ittri kapitali hemm l-isem tal-pajjiż tal-ħruġ ‘ESPAÑA’ u s-sena tal-istampar tal-munita ‘2022’. Fuq ix-xellug hemm il-marka taz-zekka. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 1 000 000 munita

Data tal-ħruġ: L-ewwel trimestru tal-2022

Spanja

Tema: UNESCO: Il-Park Nazzjonali Garajonay

Deskrizzjoni: Il-Park Nazzjonali Garajonay jinsab fiċ-ċentru tal-gżira ta' La Gomera fl-arċipelagu tal-Gżejjer Kanarji; ġie rreġistrat fil-lista tas-Siti tal-Wirt Dinji billi hu eżempju eċċellenti u ppriżervat tajjeb ta' laurisilva (Foresta tar-rand), ekosistema eċċezzjonali tal-fdal ħajjin tal-foresti tropikali qodma u l-foresti temperati sħan li kienu jokkupaw ħafna mill-Ewropa u l-Afrika ta' Fuq matul l-era Terzjarja. Fuq il-munita tidher veduta ta’ ‘Roque de Agando’ u dettall ta’ ‘Laurisilva forest’. Fuq il-lemin fin-naħa ta’ fuq u b’ittri kapitali hemm il-kelma ‘ESPAÑA’ u s-sena tal-istampar tal-munita ‘2022’. Fuq il-lemin fin-naħa ta’ fuq hemm il-marka taz-zekka. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 1 000 000 munita

Data tal-ħruġ: L-ewwel trimestru tal-2022

Portugall

Tema: Il-100 anniversarju tal-vjaġġ bl-ajru bejn iż-żewġ xtut tal-Oċean Atlantiku tan-Nofsinhar, kisba, fl-1922, ta’ Gago Coutinho u Sacadura Cabral

Deskrizzjoni: Dan il-vjaġġ irnexxa bl-użu ta’ mezzi interni tan-navigazzjoni biss: sestant modifikat u korrettur tar-rotta. Fid-disinn hemm ir-rappreżentazzjoni ta’ wieħed mit-tliet Fairey III biplanes li ntużaw biex titwettaq it-titjira bejn Lisboa u Rio de Janeiro. L-iskrizzjoni fix-xifer tgħid hekk: ‘TRAVESSIA DO ATLÂNTICO SUL’ (bil-Malti – QSIM TAL-OĊEAN ATLANTIKU TAN-NOFSINHAR). ’L-isfel mill-ajruplan hemm l-iskrizzjoni ‘PORTUGAL 1922-2022’. Il-marka taz-zekka se tkun ‘CASA DA MOEDA’, l-isem Portugiż taz-Zekka. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 1 000 000 munita

Data tal-ħruġ: Marzu 2022

Vatikan

Tema: Il-125 anniversarju tat-twelid tal-Papa Pawlu VI

Deskrizzjoni: Fid-disinn hemm ritratt tal-Papa. Fuq ix-xellug fin-naħa ta’ fuq, f’għamla ta’ nofs ċirku, hemm l-iskrizzjoni ‘CITTÀ DEL VATICANO’ u fuq il-lemin fin-naħa ta’ fuq hemm l-iskrizzjoni ‘PAPA PAOLO VI’. Fuq ix-xellug tar-ritratt hemm is-snin ‘1897’ u ‘2022’ u ’l isfel minnhom hemm il-marka taz-zekka ‘R’. Fuq ix-xellug fin-naħa t’isfel hemm l-isem tad-disinjatur ‘D. LONGO’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 84 000 munita

Data tal-ħruġ: Marzu 2022

Franza

Tema: Id-90 anniversarju tat-twelid tal-President Jacques Chirac

Deskrizzjoni: Il-President tar-Repubblika Franċiża għal żewġ mandati, Jacques Chirac, kien arkitett ewlieni tal-kostruzzjoni tal-Ewropa. Bħala tali, kien il-President meta daħal l-Euro fl-2002, li l-20 anniversarju tiegħu niċċelebrawh fil-bidu ta’ din is-sena. Fid-disinn jidher profil solenni tal-President Jacques Chirac li qed iħares lejn il-futur. Madwaru hemm diversi simboli li jirrappreżentaw l-azzjonijiet tiegħu: simbolu tal-euro, bħala sinjal tal-involviment tiegħu fl-introduzzjoni tal-euro u l-ispirtu Ewropew tiegħu, u bandiera Franċiża rappreżentata b'kuluri araldiċi, innifisha msebbħa bl-RF bħala referenza għall-presidenza tiegħu. Id-dati tiegħu kif ukoll ismu jidhru fl-akronimu tal-Euro. Fid-disinn jidhru wkoll il-marki taz-zekka u d-data tas-sena. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 9 000 000 munita

Data tal-ħruġ: Jannar 2022

Italja

Tema: It-30 Anniversarju tal-mewt ta’ Giovanni Falcone u Paolo Borsellino

Deskrizzjoni: Fiċ-ċentru tad-disinn hemm ir-ritratti taż-żewġ imħallfin Taljani, Giovanni Falcone u Paolo Borsellino, ispirati minn stampa ta’ Tony Gentile. Fin-naħa ta’ fuq, hemm l-iskrizzjoni f’għamla ta’ arkata ‘FALCONE — BORSELLINO’, taħtha hemm id-dati ‘1992 2022’, bl-akronimu tar-Repubblika Taljana ‘RI’ bejniethom; fuq il-lemin hemm l-ittra ‘R’, li tidentifika z-Zekka ta’ Ruma; fuq ix-xellug hemm, ‘VdS’, l-inizjali tad-disinjatur Valerio de Seta. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 3 000 000 munita

Data tal-ħruġ: Jannar 2022

Italja

Tema: Il-170 Anniversarju tat-twaqqif tal-Pulizija Nazzjonali Taljana

Deskrizzjoni: Fid-disinn jidhru żewġ uffiċjali tal-’Polizia di Stato’ (Forza tal-Pulizija Nazzjonali Taljana), mara u raġel, li jispikkaw fuq quddiem, quddiem karozza tal-pulizija. Fuq hemm l-iskrizzjoni f’għamla ta’ arkata “POLIZIA DI STATO”; fuq il-lemin hemm ‘RI’, akronimu tar-Repubblika Taljana; l-iskrizzjoni “R”, li tidentifika z-Zekka ta’ Ruma, l-inizjali “AM” tad-disinjatur Annalisa Masini u d-dati ‘1852 - 2022’, jidhru fuq ix-xellug, fiċ-ċentru u fuq il-lemin, rispettivament. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 3 000 000 munita

Data tal-ħruġ: Jannar 2022

Ġermanja

Tema: Serje Bundesländer – Thuringia

Deskrizzjoni: Fid-disinn jidher il-Kastell ta’ Wartburg, l-ewwel kastell Ġermaniż elenkat bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO. Fil-parti interna jidher ukoll l-isem ‘THÜRINGEN’ u l-kodiċi ‘D’ tal-pajjiż tal-ħruġ fin-naħa t’isfel, il-marka taz-zekka rispettiva (‘A’, ‘D’, ‘F’, ‘G’ jew ‘J’) kif ukoll il-marka tal-intaljatur fuq il-lemin u s-sena ‘2022’ fuq ix-xellug. Id-disinjatur: OLAF Stoy (Rabenau). Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 30 000 000 munita

Data tal-ħruġ: 25 ta’ Jannar 2022

Lussemburgu

Tema: Il-50 Anniversarju tal-protezzjoni legali tal-bandiera tal-Lussemburgu

Deskrizzjoni: Fin-naħa tax-xellug tad-disinn hemm ix-xbieha tal-Gran Duka Henri u fuq in-naħa tal-lemin hemm il-bandiera tat-tliet kuluri tal-Lussemburgu. Is-sena ‘1972’ tidher ’l fuq mill-bandiera u s-sena tal-ħruġ ‘2022’ tidher ’l isfel mill bandiera. Fiċ-ċentru fin-naħa t’isfel hemm l-isem tal-pajjiż tal-ħruġ, ‘LËTZEBUERG’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 500 000 munita

Data tal-ħruġ: Jannar 2022

Slovenja

Tema: Il-150 anniversarju tat-twelid tal-arkitett Jože Plečnik

Deskrizzjoni: : Fid-disinn jidher dettall tat-tieqa grandjuża tas-sala tal-qari tal-librerija Nazzjonali u Universitarja, b‘kolonna quddiemha. Id-disinn fih ukoll kompożizzjoni tal-ittri A R H. P L E Č N I K. Dawn l-ittri huma inkorporati fit-tieqa f’ordni eżatta u jistgħu jinqraw metaforikament bħala l-firma tal-arkitett, li hi attwalment esibita fix-xogħol tiegħu stess. L-ittri jidhru f’fetħiet ta’ twieqi approfonditi u jistgħu jinftiehmu (fil-lingwa tal-arkitett Plečnik) bħala interventi arkitettoniċi spazjali, bħala enfasi, imdaħħla fil-faċċata jew bħala oġġetti ddisinjati ġeometrikament. Il-kompożizzjoni kollha tagħti idea ta’ spazju li jirrifletti r-rikkezza tal-ideat tal-arkitett. Din hi ċċentrata madwar il-kolonna ewlenija, li r-rwol tagħha hu li timmarka l-ispazju tal-munita u tistabbilixxi l-proporzjon barra - ġewwa jew quddiem - wara, waħda mill-ġesti komuni ta’ Plečnik meta jkun qed jiddisinja l-ispazju. B’hekk, il-kompożizzjoni ssir minjatura spazjali, spazju fi ħdan spazju, b’diversi saffi, u mistika. Fin-naħa t’isfel hemm l-iskrizzjoni ‘JOŽE PLEČNIK’. Fuq ix-xellug, vertikalment, hemm is-sena ‘1872’. Fuq il-lemin, vertikalment, il-pajjiż tal-ħruġ ‘SLOVENIJA’ u iżjed ’l isfel hemm is-sena tal-ħruġ ‘2022’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 1 000 000 munita

Data tal-ħruġ: Jannar 2022